Konsultazzjoni Pubblika dwar Regolamentazzjoni tal-Professjonijiet Veterinarji
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, flimkien mal-Kunsill tal-Kirurġija Veterinarja, organizza laqgħa informattiva bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar Avviż Legali li jipproponi qafas ġdid ta’ regolamentazzjoni, reġistrazzjoni u liċenzjar għal diversi professjonijiet veterinarji. Dan l-avviż għandu l-għan li jsaħħaħ il-kwalità tas-servizzi u jagħti rikonoxximent professjonali lil dawk li jaħdmu mal-annimali.
Permezz ta’ dan il-qafas, il-Kunsill tal-Kirurġija Veterinarja se jkollu s-setgħa jirregola, jirreġistra u jilliċenzja professjonijiet bħal: Infermiera u Tekniċi Veterinarji, Groomers, Farriers, Esperti fil-Ħut u Trainers tal-Annimali. Aktar professjonijiet se jiġu inklużi fi stadji futuri.
Il-Ministru Anton Refalo ħeġġeġ lill-partijiet interessati biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni sabiex jinħoloq qafas regolatorju ġust u effettiv li jħares il-benesseri tal-annimali.
Il-Kunsill tal-Kirurġija Veterinarja jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li attendew il-laqgħa, kif ukoll lil kull min qed jipprovdi l-opinjoni u s-suġġerimenti tiegħu.
Il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ miftuħa sas-17 ta’ Lulju 2025.
Aktar informazzjoni hawnhekk